Bidliet istituzzjonali
Ir-riforma tar-Regolament tfittex li tissimplifika l-proċeduri u żżid iċ-ċertezza legali, kif ukoll li tiddefinixxi b᾽mod ċar il-kompiti kollha tal-Uffiċċju, inkluż il-qafas għall-kooperazzjoni u l-konverġenza tal-prattiki bejn l-Uffiċċju u l-uffiċċji tal-IP nazzjonali u reġjonali tal-UE.
Bidla fl-isem


Qabel it-23 ta᾽ Marzu
Wara t-23 ta᾽ Marzu
Adattament għat-Trattat taʼ Lisbona: bidliet fl-isem
It-terminoloġija tar-Regolament hija adattata għat-Trattat taʼ Lisbona, bir-referenzi kollha għall-Komunità li ġew sostitwiti minn referenzi għall-Unjoni Ewropea jew, fʼxi każijiet, l-Unjoni. Dan ifisser, bʼmod partikolari, li t-terminu "trademark Komunitarja᾽ issa ġie sostitwit minn "trademark tal-Unjoni Ewropea". Għaldaqstant, hekk kif ir-Regolament Emendatorju daħal fis-seħħ, trademarks Komunitarji eżistenti u applikazzjonijiet għal trademarks Komunitarji saru awtomatikament trademarks tal-Unjoni Ewropea u applikazzjonijiet għal trademarks tal-Unjoni Ewropea, u r-Regolament dwar it-Trade mark Komunitarja issa sar ir-Regolament dwar it-Trademark tal-Unjoni Ewropea.
Attivitajiet ta᾽ kooperazzjoni
Ir-Regolament Emendatorju jintroduċi qafas legali solidu għall-kooperazzjoni eżistenti bejn l-Uffiċċju u l-uffiċċji tal-Istati Membri. Aspett importanti ieħor tal-qafas il-ġdid huwa li jipprevedi l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-utent fir-rigward ta᾽ proġetti taʼ kooperazzjoni, bʼmod partikolari fil-fażijiet taʼ definizzjoni tal-proġetti u l-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom.
Oqsma ta’ kooperazzjoni
Ir-Regolament Emendatorju jinkludi lista mhux eżawrjenti taʼ oqsma taʼ attività koperti mill-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-uffiċċji tal-Istati Membri, li jinkludu:
- l-istabbiliment taʼ standards u prattiki komuni;
- il-ħolqien taʼ bażijiet taʼ data u portali komuni;
- il-kondiviżjoni taʼ data u informazzjoni u l-iskambju taʼ kompetenza esperta u għajnuna;
- is-sensibilizzazzjoni dwar is-sistema tat-trademarks u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni.
Bidliet istituzzjonali oħra jinkludu:
- il-President tal-UASI li jsir id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO, u l-Bord Amministrattiv li jsir il-Bord tat-Tmexxija;
- rappreżentant wieħed tal-Parlament Ewropew fuq il-Bord tat-Tmexxija u l-Kumitat tal-Baġit għall-ewwel darba.