Out-of-Commerce Works Portal
Xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ huma xogħlijiet li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur iżda li mhumiex disponibbli b’mod kummerċjali, bħal xogħlijiet letterarji, xogħlijiet awdjoviżivi, fonogrammi, ritratti u opri tal-arti uniċi. Aktar informazzjoni dwar ix-xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ hija disponibbli fuq il-paġna web tagħna.
Ix-xogħlijiet orfni huma xogħlijiet li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur, iżda li l-awturi tagħhom jew detentur(i) tad-drittijiet ieħor/oħra mhumiex magħrufa jew ma jistgħux jinsabu. Tista’ ssib informazzjoni dwar ix-xogħlijiet orfni fuq il-paġna web tagħna u billi tiċċekkja l-Bażi tad-Data tax-Xogħlijiet Orfni.
Ir-reġim tax-xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ jikkumplimenta l-miżuri fis-seħħ għall-użu ta’ xogħlijiet orfni f’livell Ewropew.
Il-Portal tax-Xogħlijiet li Ma Għadhomx fil-Kummerċ huwa l-miżura ewlenija ta’ pubbliċità tas-sistema tax-xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ stabbilita skont id-Direttiva (UE) 2019/790. L-iskop ewlieni tal-portal huwa li jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar l-użu kontinwu u futur tax-xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ.
Il-portal jiġbor informazzjoni dwar ix-xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jixtiequ jxerrdu, bħal xogħlijiet letterarji, xogħlijiet awdjoviżivi, ritratti, videogames, software, fonogrammi u opri tal-arti uniċi, inklużi xogħlijiet li qatt ma kienu fil-kummerċ, bħal posters, fuljetti, ġurnali ta’ trinek jew xogħlijiet awdjoviżivi dilettanti, kif ukoll xogħlijiet mhux ippubblikati. Il-portal jipprovdi wkoll dettalji dwar l-użu li qed isir minn xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ (jiġifieri informazzjoni dwar liċenzja jew eċċezzjoni).
Karatteristika importanti oħra tal-portal hija li jipprovdi informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ nonparteċipazzjoni disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet u li jagħmilha aktar faċli għad-detenturi tad-drittijiet biex jirtiraw xogħolhom/ix-xogħlijiet tagħhom mis-sistema.
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) huwa responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ portal online uniku ta’ xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ. Il-portal huwa aċċessibbli għall-pubbliku u jista’ jinsab fuq il-paġna web tal-EUIPO.
Organizzazzjoni tal-wirt kulturali jew organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva tista’ taċċessa l-Portal tax-Xogħlijiet li Ma Għadhomx fil-Kummerċ bħala utent pubbliku u titlob ir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni tagħhom bħala utent fil-portal. Dan jista’ jsir billi timtela l-formola ta’ talba għar-reġistrazzjoni tal-utent li hija disponibbli hawnhekk.
It-talba għar-reġistrazzjoni tal-utent se tiġi indirizzata jew minn punt ta’ kuntatt nazzjonali (għal dawk l-Istati Membri fejn il-punt ta’ kuntatt jinħatar), jew minn amministratur tal-EUIPO (għal dawk l-Istati Membri fejn il-punt ta’ kuntatt ma jinħatarx).
Detentur tad-drittijiet jista’, fi kwalunkwe ħin, jeskludi x-xogħlijiet tiegħu/tagħha mill-mekkaniżmu ta’ liċenzjar jew mill-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni. In-nonparteċipazzjoni tista’ tkun ġenerali jew speċifika.
Nonparteċipazzjoni ġenerali tapplika fir-rigward tax-xogħlijiet kollha, il-liċenzji kollha jew l-użijiet kollha taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni. Detentur tad-drittijiet jista’ jissottometti talba għal nonparteċipazzjoni ġenerali billi jimla din il-formola fil-portal.
Nonparteċipazzjoni speċifika tapplika fir-rigward ta’ xogħlijiet partikolari, liċenzji jew użijiet partikolari taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni. Sabiex tinbeda talba speċifika ta’ nonparteċipazzjoni, id-detentur tad-drittijiet għandu jidentifika rekord jew rekords partikolari fil-portal, u jimla l-formola ta’ talba għal nonparteċipazzjoni għar-rekord(s) speċifikat(i).
Il-portal jiffaċilita l-mekkaniżmu ta’ nonparteċipazzjoni. Madankollu, il-bidu ta’ nonparteċipazzjoni fil-portal ma jagħmilx in-nonparteċipazzjoni effettiva. It-talbiet għal nonparteċipazzjoni jiġu indirizzati barra l-portal mill-organizzazzjoni(jiet) intitolata/intitolati li jindirizzaw it-talbiet għal nonparteċipazzjoni fl-Istat(i) Membru/Membri.
Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi u l-opzjonijiet tad-detentur tad-drittijiet hija disponibbli fuq il-portal.
Iva, tista’ ssib il-gwidi għall-utenti fil-links ta’ hawn taħt. Dawn se jkunu ta’ għajnuna bħala introduzzjoni għall-karatteristiċi tal-portal għal kull tip ta’ utent, jew bħala gwida teknika waqt li jkun qed jintuża.
- Gwida għall-utenti għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali/organizzazzjoni tal-ġestjoni kollettiva/utent tal-awtorità pubblika
- Gwida għall-utenti għad-detenturi tad-drittijiet/utent pubbliku
- Gwida għall-utenti għall-utent tal-punt ta’ kuntatt nazzjonali
Jekk għandek xi mistoqsijiet jew għandek bżonn ta’ appoġġ tekniku jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq outofcommerceworks@euipo.europa.eu. Biex tgħinna nidentifikaw il-kwistjoni, nirrakkomandawlek bis-sħiħ li tinkludi l-isem tal-utent tiegħek u, jekk possibbli, ritratt tal-iskrin mill-portal li juri l-messaġġ dwar il-problema jew l-iżball li qed tirċievi.