Assistenza għall-Klijenti – Ilmenti
Trattament tal-ilmenti
Qabel ma tippreżenta lment relatat ma’ xi wieħed mis-servizzi tal-EUIPO, nitolbuk tikkunsidra li tikkuntattjana permezz tal-kuntatti ta’ informazzjoni ġenerali tagħna fejn ser inkunu ħerqanin li ngħinuk.
Tista’ tiċċekkja wkoll is-sit web tagħna għall-mistoqsijiet frekwenti rigward it-trademarks tal-Unjoni Ewropea u d-disinji Komunitarji rreġistrati.
Jekk jogħġbok aqra t-twissija tagħna dwar talbiet qarrieqa għal ħlas.
Meta xi ħaġa ma taħdimx kif suppost jew il-livell ta’ servizz tagħna ma jilħaqx dak li kont qed tistenna, nitolbuk tgħidilna dwar dan. Aħna napprezzaw l-ilmenti kollha, għaliex l-għan tagħna huwa li nitgħallmu minn kwalunkwe żball sabiex inkunu nistgħu nipprovdu l-aqwa servizz possibbli.
Ġeneralment, ilment inqisuh bħala espressjoni bil-miktub ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon bis-servizzi pprovduti mill-EUIPO u/jew mill-proċessi tal-EUIPO. Madankollu, it-taqsima tal-Assistenza għall-Klijenti għall-Ilmenti ma għandhomx il-kompetenza li jwieġbu għal ilmenti dwar ir-raġunament legali tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-EUIPO. Jekk ma taqbilx mad-deċiżjonijiet tal-EUIPO, tista’ tippreżenta appell għad-deċiżjonijiet meħuda mill-eżaminaturi tat-trademarks tal-UE jew tad-disinji Komunitarji.
Jekk l-ilment tiegħek jikkonċerna kwistjonijiet relatati mar-Riżorsi Umani, jekk jogħġbok indirizza d-domanda tiegħek lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tagħna – bil-posta jew bil-posta elettronika.
Kif tilmenta
L-ilment jista’ jiġi ppreżentat permezz tal-formola online. Dan huwa l-mezz ippreferut ta’ komunikazzjoni tal-EUIPO peress li jiżgura li l-ilment tiegħek ikun jista’ jiġi ttrattat mingħajr dewmien. Inkella, tista’ tibgħat l-ilment tiegħek bil-posta.
Jekk jogħġbok ipprovdi l-informazzjoni li ġejja (fejn applikabbli), sabiex aħna nkunu nistgħu nidentifikaw u nanalizzaw il-każ tiegħek:
- In-numru tal-fajl tal-EUTM/RCD
- L-identità tal-Ilmentatur (isem, kunjom)
- L-indirizz tal-Ilmentatur (Triq, Belt, Pajjiż, Nru tat-Telefown, indirizz tal-posta elettronika)
- Ir-raġuni għall-ilment
X'inhu l-pass li jmiss?
- Hekk kif nirċievu l-ilment, it-taqsima tal-Assistenza għall-Klijenti -Ilmenti, jibagħtulek konferma tar-riċevuta bl-email jew bil-posta fi żmien jum ta’ xogħol
- L-ilment tiegħek jiġi ttrattat minnufih mid-dipartimenti xierqa sabiex tkun tista’ titħejja tweġiba bil-miktub skont l-istandards tal-karta dwar tas-servizz
- Aħna nibagħtulek tweġiba bil-miktub għall-ilment tiegħek fi żmien 9 ijiem ta’ xogħol minn meta nibagħtulek il-konferma tar-riċevuta
X’jiġri jekk int tibqa’ mhux sodisfatt(a)?
Jekk ma tkunx sodisfatt(a) bl-eżitu tal-proċess jew bil-manjiera li biha ġie ttrattat ilment, jekk jogħġbok erġa’ kkuntattjana u spjega t-tħassib tiegħek. Imbagħad il-maniġment superjuri tagħna jirrieżamina l-ilment u t-tweġiba li tajnik.
L-Ombudsman Ewropew
Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew tirrisjedi fi Stat Membru, tista’ wkoll tressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew. L-Ombudsman Ewropew tinvestiga lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-Unjoni Ewropea.
Kwalunkwe lment ippreżentat quddiem l-Ombudsman irid ikun ippreċedut mill-kuntatti amministrattivi xierqa mal-EUIPO.