Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Medjazzjoni

 

Il-medjazzjoni hija proċess ta’ konċiljazzjoni bejn partijiet f’tilwima. Il-medjatur jaġixxi bħala intermedjarju newtrali bejn il-partijiet u jiffaċilita soluzzjoni bejniethom. Il-medjatur m’għandu l-ebda setgħa biex jiddeċiedi jekk il-medjazzjoni tkun falliet. Il-partijiet għandhom kontroll fuq il-mod ta’ kif il-proċedura tiġi ttrattata u r-riżultat tagħha. Il-partijiet ma jistgħux ikunu obbligati li jagħmlu medjazzjoni, iżda jridu jaqblu b’mod volontarju biex jagħmlu dan. Huma jistgħu jirtiraw mill-medjazzjoni fi kwalunkwe ħin. B’mod simili, l-ebda ftehim ta’ soluzzjoni ma jista’ jiġi impost fuq il-partijiet, iżda għandu jiġi miftiehem b’mod volontarju bejniethom. Il-medjazzjoni hija proċedura kunfidenzjali.
L-arbitraġġ huwa proċedura fejn tiġi applikata l-liġi minn arbitru biex jiddetermina tilwima bejn il-partijiet. L-aġġudikazzjoni ssir mill-arbitru bħala dak li jieħu d-deċiżjonijiet. Hija proċedura bbażata fuq id-drittijiet, bil-kontra tal-medjazzjoni, li hija proċedura bbażata fuq l-interess. Filwaqt li l-arbitraġġ jikkunsidra u japplika l-liġi biss, il-medjazzjoni tikkunsidra l-interessi usa’ tal-partijiet (b’mod partikolari, l-interessi tan-negozju).

Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni.
Għal informazzjoni rigward ir-regoli tal-medjazzjoni.


Il-Bordijiet tal-Appell jittrattaw madwar 2 500 kawża kull sena. Każ medju jieħu sena u nofs biex jissolva u xi wħud jistgħu jwasslu wkoll għal aktar appelli. Dan jista’ jkun proċess li jiswa ħafna flus u jieħu ħafna ħin. Madankollu f’ħafna mill-kawżi, filwaqt li hemm kunflitti legali ġenwini, hemm il-possibilità li jintlaħaq qbil fejn l-interessi tan-negozju taż-żewġ partijiet jista’ jiġi ppreservat. Il-medjazzjoni, għalkemm hija alternattiva rapida u tiswa inqas flus minn litigazzjoni, xorta tinvolvi medjaturi ta’ ħila li għandhom ħafna għarfien fi kwistjonijiet tal-IP. Il-kunfidenzjalità hija garantita wkoll fir-rigward tal-eżistenza tat-tilwima, peress li t-tilwima ma tkunx pubblika. Tradizzjonalment, din għandha rata għolja ta’ suċċess.

Aktar informazzjoni rigward ir-regoli tal-medjazzjoni.


Attwalment il-Medjazzjoni quddiem l-EUIPO hija disponibbli biss fl-istadju tal-appell fi proċeduri bejn żewġ partijiet jew aktar. Fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti telliefa trid tippreżenta avviż ta’ appell u tħallas tariffa għall-appell sabiex tikseb l-effett sospensiv tal-appell. L-appell ser ikun ammissibbli biss jekk l-appellant jissottometti dikjarazzjoni tar-raġunijiet fi żmien 4 xhur min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata. La l-perjodu biex tippreżenta l-appell, biex tħallas ilt-tariffa tal-appell u lanqas il-perjodu biex tippreżenta d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ma jistgħu jiġu estiżi jew sospiżi.

Iż-żewġ partijiet għandhom jiffirmaw it-talba għal medjazzjoni, jew juru li nkiseb il-kunsens tal-parti l-oħra. Il-proċeduri tal-appell ser imbagħad jiġu sospiżi, sakemm issir il-medjazzjoni.

Aktar informazzjoni disponibbli dwar il-medjazzjoni.


L-ewwel irid ikun hemm deċiżjoni dwar kwistjonijiet ta’ disinn jew trademark tal-Unjoni Ewropea fi proċeduri inter partes meħuda fl-EUIPO. Imbagħad, dik id-deċiżjoni għandha tiġi appellata qabel ma tkun tista’ tibda l-medjazzjoni. Is-suġġett tal-medjazzjoni jista’, madankollu, imur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedimenti tal-appell tal-EUIPO u jħaddan tilwim parallel relatat ma’ trademarks, disinji jew drittijiet tal-IP oħra bejn l-istess partijiet. Hemm ħafna possibilitajiet iżda jista’ jkun, pereżempju, li ż-żewġ partijiet bi drittijiet konfliġġenti joperaw fi swieq kompletament differenti. Huma jistgħu jaqblu biex iżommuha b’dak il-mod. Il-fattur ewlieni għal medjazzjoni b’suċċess hija l-bidla fil-fokus minn argumenti ġuridiċi għall-interessi tan-negozju. Medjazzjoni f’kawżi ex parte (jiġifieri meta l-parti l-oħra għal deċiżjoni kkontestata tkun l-EUIPO nnifsu) ma tkunx possibbli.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fil-Bordijiet tal-Appell, Medjazzjoni, Istruzzjonijiet għall-Partijiet tal-EUIPO).


Fil-preżent, il-medjazzjoni hija disponibbli biss għall-appelli. Madankollu, fil-futur dan jista’ jinbidel.
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta lill-Bordijiet tal-Appell, Medjazzjoni, Istruzzjonijiet għall-Partijiet tal-EUIPO.


L-EUIPO ma titlobx tariffa għall-medjazzjoni, sakemm il-medjazzjoni ssir fil-bini tal-EUIPO f’Alicante.
Jekk il-medjazzjoni ssir fil-bini tal-EUIPO fi Brussell, trid titħallas tariffa amministrattiva li tkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tas-sussistenza tal-medjaturi.

Aktar informazzjoni dwar il-proċeduri u t-tariffi tal-medjazzjoni.

Aktar informazzjoni dwar ir-regoli tal-medjazzjoni.

Għall-ispejjeż u/jew it-tariffi amministrattivi, jekk jogħġbok ikkonsulta l-formola għal Medjazzjoni fi Brussell u ibgħatha (jew l-informazzjoni ekwivalenti) lill-medjatur.

Għal aktar informazzjoni dwar it-tariffi amministrattivi relatati mal-medjazzjoni, ara d-Deċiżjoni Nru Ex-11-04 tal-President tal-Uffiċċju tal-01/08/2011.


Fil-prinċipju, proċeduri tal-medjazzjoni ser isiru bil-lingwa tal-proċeduri tal-appell. Madankollu, il-partijiet huma liberi li jaqblu dwar lingwa li hija reċiprokament konvenjenti (soġġett għad-disponibilità ta’ medjatur b’għarfien eċċellenti ta’ dik il-lingwa).

Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni.


It-tim ta’ medjazzjoni huwa magħmul minn medjaturi kkwalifikati maħtura minn diversi partijiet tal-Uffiċċju, mhux biss mill-Bordijiet tal-Appell. Huma kollha impjegati superjuri tal-Uffiċċju b’ħafna esperjenza, li għaddew minn taħriġ speċjali mas-Centre for Effective Dispute Resolution (CEDR)(Ċentru għal Riżoluzzjoni Effettiva ta’ Tilwim) u/jew maċ-Chartered Institute of Arbitrators (CIARB) f’Londra u għandhom profili tal-lingwa differenti.

Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni.


Hemm lista sħiħa ta’ medjaturi fuq is-sit web, flimkien mas-CVs tagħhom, sabiex il-partijiet jistgħu jistaqsu għal persuna partikolari jekk jixtiequ. Il-partijiet jistgħu jkunu assistiti fl-għażla tagħhom ta’ medjatur mir-Reġistru tal-Bordijiet tal-Appell. Il-partijiet jistgħu jippreferu lil xi ħadd bi sfond u b’esperjenza partikolari, jew bil-kapaċità li jwettaq medjazzjoni b’lingwa speċifika. Huwa importanti li wieħed jifhem li l-medjazzjoni hija proċess volontarju u r-rwol tal-medjatur mhuwiex li jiġġudika jew jieħu deċiżjonijiet, iżda li jiffaċilita liż-żewġ partijiet biex isibu s-soluzzjoni tagħhom stess. Jekk il-kawża hija partikolarment kumplessa, jew jekk il-medjatur jiġġudika li hija meħtieġa, il-medjatur maħtur jista’ jfittex l-assistenza ta’ medjatur ieħor jew ta’ membru mill-persunal tal-EUIPO. F’tali każ, il-medjatur l-ewwel ifittex l-awtorizzazzjoni tal-partijiet. Huwa possibbli wkoll għall-partijiet infushom biex jaħtru ko-medjaturi, meta n-natura kumplessa jew ċirkustanzi oħrajn tal-kawża jiggarantixxu dan.

Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni.


Fi prinċipju, il-medjazzjoni hija mistennija li ssolvi kwistjoni f’ġurnata  waħda, forsi wara laqgħa preliminari waħda. Jekk ma jkun inkiseb l-ebda riżultat sa dak iż-żmien, jista’ jkun diffiċli ħafna biex tintlaħaq soluzzjoni, minkejja li l-kawżi partikolarment kumplessi jistgħu jeħtieġu aktar ħin.

Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni.


Huwa importanti li jipparteċipaw l-awturi, peress li l-medjazzjoni mhijiex dwar kwistjonijiet purament legali, iżda dwar l-interessi tan-negozju. Peress li l-medjazzjoni hija proċess volontarju, kwalunkwe parti tista’ tirtira minnha fi kwalunkwe ħin. Naturalment, jekk il-medjazzjoni tirriżulta fi ftehim ta’ soluzzjoni bejn il-partijiet, il-ftehim formali ser ikollu jitfassal mill-avukati tagħhom b’mod normali. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jkollok rappreżentanti professjonali li jassistu lill-awturi.


Peress li l-medjazzjoni hija proċess pjuttost flessibbli, huwa diffiċli li wieħed jispeċifika min qabel il-format li tkun se tieħu medjazzjoni partikolari. Madankollu, ħafna każijiet jinvolvu l-kuntatt inizjali bejn il-partijiet u l-medjatur, fejn tiġi diskussa skeda, kif ukoll il-post tal-medjazzjoni, u l-ħtieġa għal kwalunkwe skambju preċedenti ta’ dokumenti. Il-partijiet imbagħad normalment jiffirmaw il-ftehim dwar il-medjazzjoni u jibagħtuh lill-medjatur kemm jista’ jkun malajr.
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-medjazzjoni ssir fil-bini tal-EUIPO f’Alicante u l-partijiet jew jiġu waħedhom jew flimkien mar-rappreżentanti legali tagħhom. Normalment, il-medjazzjoni ddum ġurnata waħda u tinvolvi sessjonijiet konġunti alternati (jiġifieri li għalihom ikunu preżenti kemm il-medjatur kif ukoll il-partijiet) u sessjonijiet individwali (jiġifieri meta l-medjatur jiltaqa’ ma’ kull parti separatament jew privatament). L-idea tas-sessjoni konġunta hija li titfassal lista tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu solvuti, filwaqt li s-sessjonijiet individwali jesploraw aktar dawk il-kwistjonijiet, kif ukoll soluzzjonijiet jew kompromessi possibbli.
Dak kollu li huwa żvelat lill-medjatur fis-sessjonijiet individwali huwa privat u ma jistax jiġi żvelat lill-parti l-oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni preċedenti u espressa. Il-proċeduri normalment jingħalqu permezz ta’ sessjonijiet konġunti ulterjuri u l-abbozzar ta’ ftehim ta’ soluzzjoni. Il-kawża tmur lura għand il-Bord tal-Appell li għalih tkun ġiet inizjalment assenjata għal deċiżjoni formali, filwaqt li jiġi nnutat l-għeluq tal-proċeduri tal-appell.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta lill-Bordijiet tal-Appell, Medjazzjoni, Istruzzjonijiet għall-Partijiet tal-EUIPO).


L-EUIPO jinkoraġġixxi lill-partijiet u lir-rappreżentanti professjonali tagħhom biex jiġu f’Alicante. Madankollu, inti tista’ torganizza proċeduri ta’ medjazzjoni fil-bini tal-EUIPO fi Brussell, soġġett għall-pagament ta’ tariffa.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta r-Regoli dwar il-Medjazzjoni.


Il-partijiet huma liberi li jirtiraw mill-proċess tal-medjazzjoni fi kwalunkwe ħin u ma jistgħux jiġu sfurzati biex jilħqu ftehim ta’ soluzzjoni. Madankollu, il-partijiet għandu jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jilħqu ftehim. Meta parti tirtira, il-medjazzjoni tintemm immedjatament. Il-medjatur jista’ wkoll itemm il-medjazzjoni meta jintlaħaq staġnar jew imblokk. F’dawn il-każijiet, il-proċeduri tal-appell jerġgħu jibdew mill-punt li jkun intlaħaq qabel il-medjazzjoni. Il-medjatur qatt mhu ser ikun involut fil-proċeduri tal-appell u huwa marbut li jżomm is-sustanza tal-medjazzjoni kunfidenzjali. L-ebda reġistru jew fajl li jappartjeni għall-medjazzjoni mhu ser jinżamm mill-EUIPO.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta lill-Bordijiet tal-Appell, Medjazzjoni, Istruzzjonijiet għall-Partijiet tal-EUIPO.


Dan huwa minnu f’ħafna kawżi u jekk il-partijiet jistgħu jilħqu ftehim huma stess, huma ma jeħtiġux medjatur. L-esperjenza turi, madankollu, li s-sidien tad-drittijiet juru aktar rieda biex jilħqu ftehim b’mod amikevoli meta dawn jitressqu flimkien biex jiffukaw fuq il-punti problematiċi għal kwalunkwe ftehim abbażi tal-interessi tan-negozju reali tagħhom. F’ħafna appelli jidher li dan iseħħ tard wisq fil-proċess.


Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet ipprovduti f’din il-paġna jservu skop purament informattiv u mhumiex punt ta’ referenza legali. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkonsulta r-Regolamenti dwar it-Trademark tal-Unjoni Ewropea u dwar id-Disinn Komunitarju jew il-Linji Gwida dwar it-Trademark / id-Disinn.

Għal aktar informazzjoni dwar il-mod li bih l-Uffiċċju jindirizza d-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data.
 

This site uses cookies to offer you a better browsing experience, including for anonymized analytics. Find out more on how we use Cookies.