Kundizzjonijiet ta' Fast Track
Fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (l-EUIPO) noffru lill-applikanti għat-trademarks tagħna l-opportunità li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu eżaminati u ppubblikati b’mod aktar rapidu meta jkunu konformi mal-kondizzjonijiet Fast Track.
Meta l-EUIPO jirċievi applikazzjoni, il-persunal tagħna jeżaminaha biex jivvaluta jekk huwiex probabbli li tkun trademark valida. Aktar ma l-applikazzjoni tkun kumplessa, aktar ma l-persunal tagħna jkollu bżonn ħin biex jeżaminaha. Huwa għalhekk li l-applikazzjonijiet li jaslu għand l-EUIPO li jkunu konformi ma' ċerti kundizzjonijiet jiġu trattati aktar malajr u jaslu b'mod mgħaġġel sal-ewwel pass tal-proċess ta' reġistrazzjoni, il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni. Din il-proċedura aċċellerata nsejħulha Fast Track.

X'inhuma l-vantaġġi ta' din il-proċedura?
- Hija aktar rapida. L-applikazzjoni tiegħek tista’ tiġi ppubblikata f’nofs il-ħin jew f’inqas meta mqabbla ma’ applikazzjonijiet regolari.
- Hija aktar sigura. Applikazzjoni Fast Track tirrikjedi li tagħżel il-prodotti u s-servizzi tiegħek minn bażi ta' data ta' termini li diġà ġew aċċettati mill-EUIPO u mill-uffiċċji kollha tal-IP tal-UE, magħrufa bħala l-Bażi ta' Data Armonizzata (HBD). Dan inaqqas ħafna n-nuqqasijiet, għaldaqstant tista' tkun ċert li qed tagħmel l-aħjar għażliet.
Għal aktar informazzjoni dwar l-istandards tas-servizzi tagħna, ara l-Karta tas-Servizzi tal-EUIPO fil-paġna ta' kwalità tagħna.
Kif nista' nkun konformi mal-kundizzjonijiet ta' Fast Track?
Hemm żewġ kundizzjonijiet ewlenin għal applikazzjoni Fast Track biex tirnexxi:
- Trid tagħżel il-prodotti u s-servizzi li t-trademark tiegħek se tapplika għalihom minn bażi ta’ data ta' termini li diġà ġew aċċettati mill-EUIPO. Il-formola f'ħames passi tfasslet biex tiggwidak fl-għażla tiegħek biex l-applikazzjoni tiegħek tiġi pproċessata skont il-Fast Track.
- Trid tħallas bil-quddiem: l-eżaminaturi tagħna jistgħu jibdew jeżaminaw l-applikazzjoni tiegħek biss ladarba jkun sar il-ħlas. Jekk isir ħlas fil-pront u dejjem jekk ma jkunx hemm nuqqasijiet fil-mument tal-preżentata jew matul l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni, l-applikazzjoni tiegħek sejra tiġi pproċessata permezz tal-Fast Track.
Jekk qed tħallas permezz ta’ kont kurrenti, tajjeb tkun taf li l-kont tiegħek ser jiġi debitat minnufih. Jekk qed tħallas permezz ta' trasferiment bankarju, trid tagħmel it-trasferiment minnufih wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni.
Għalkemm xi applikazzjonijiet jistgħu jkunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-Fast Track fil-mument tal-preżentazzjoni, dawn jistgħu jintilfu aktar tard. Pereżempju, jista' jkun hemm nuqqas, fir-rigward li t-trademark li tixtieq tirreġistra mhijiex distintiva biżżejjed. Jekk l-applikazzjoni tiegħek titlef il-kundizzjonijiet tal-Fast Track, tiġi infurmat bil-miktub.
Fast Track: Il-kundizzjonijiet kollha
- L-applikant għandu jkollu d-domiċilju fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Jekk dan ma jkunx il-każ, l-applikant irid jidentifika rappreżentant validu.
- It-trademark ma tridx tkun la trademark kollettiva u lanqas marka ta' ċertifikazzjoni.
- Titlobx li ssir tfittxija nazzjonali jew Ewropea fl-applikazzjoni tiegħek.
- Rigward pretensjonijiet ta’ prijorità jew senjorità, jew:
- ma għandux ikun hemm pretensjonijiet ta' prijorità / senjorità, jew
- jekk tiġi indikata pretensjoni ta' prijorità / senjorità, it-trademarks li fuqhom hija bbażata l-pretensjoni jistgħu jiġu importati mill-bażi ta’ data TMView matul il-proċess ta' applikazzjoni, jew
- jekk tiġi indikata pretensjoni ta' prijorità / senjorità u t-trademark(s) assoċjata/assoċjati mhijiex/mhumiex fit-TMView, irid jiġi mehmuż iċ-ċertifikat korrispondenti.
- Jekk issir pretensjoni għal prijorità ta' esibizzjoni, applikazzjoni Fast Track xorta hija possibbli jekk jiġi pprovdut dokument mehmuż li jinkludi ċ-ċertifikat korrispondenti
- It-trademark trid tkun waħda minn dawn it-tipi li ġejjin: kelma / figurattiva / taʼ forma / tal-ħoss
- Jekk it-trademark hija figurattiva / marka tal-forma, pretensjonijiet tal-kuluri mhux possibbli aktar
- Jekk it-trademark hija figurattiva / taʼ forma / tal-ħoss, id-dokumenti mehmuża rilevanti u validi jridu jiġu inklużi.
- It-termini kollha fil-lista ta' prodotti u servizzi jridu jintgħażlu minn bażi ta’ data ta' termini li diġà ġew aċċettati mill-EUIPO.
- Il-ħlas għandu jsir permezz ta' kwalunkwe metodu aċċettat ta' pagament. Madankollu, il-pagament permezz ta' kont kurrenti ta’ parti terza mhuwiex permess b’Fast Track
- Il-kundizzjonijiet li ġejjin japplikaw għal dak li jirrigwarda l-ħlas tat-tariffi:
- Karta tal-kreditu: l-ebda rekwiżit partikolari.
- Għal trasferimenti bankarji: l-applikant għandu (1) juża l-Kodiċi tat-Tranżazzjoni tal-Pagament iġġenerat mill-formola u n-numru tat-trademark biex jidentifika l-fajl; (2) jieħu r-responsabbiltà li jittrasferixxi l-ammont minnufih; u (3) preferibbilment jagħmel pagament separat għal kull applikazzjoni sottomessa.
- Għal detenturi ta' kont kurrenti, l-applikant irid jagħżel Iddebita issa fil-formola tal-pagament
- Meta l-lingwa tal-applikazzjoni ma tkunx waħda mill-ħames lingwi tal-EUIPO (l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-Ispanjol), l-applikant irid jaċċetta t-traduzzjoni pprovduta mill-Uffiċċju fit-tieni lingwa magħżula minn fost il-ħames lingwi aċċettati.
Nota: Il-pagamenti permezz tat-trasferiment bankarju, bil-kodiċi tat-tranżazzjoni korrispondenti tagħhom, għandhom jaslu l-EUIPO fi żmien disat ijiem minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Jekk dan ma jsirx l-EUIPO ma jkunx jista' jiggarantixxi l-istandards tal-limitu taʼ żmien ta' Fast Track.
Ir-referenzi kollha għal-limitu ta' żmien huma għal skopijiet illustrattivi u ma għandhomx effett vinkolanti għall-Uffiċċju.