Għajnuna għat-Tfittxija fil-Bażijiet tad-Data
Għal aktar informazzjoni dwar Tfittxija fil-Bażijiet tad-Data, jekk jogħġbok ikkonsulta s-suġġetti li ġejjin:
eSearch plus
L-applikazzjoni eSearch plus tipprovdilek informazzjoni komprensiva dwar trademarks, disinji, sidien, rappreżentanti u bullettini. Bis-saħħa tagħha inti tista’ twettaq tiftix rapidu u effiċjenti fil-bażijiet ta’ data tal-EUIPO.
Suġġetti
Il-Bażi ta' Data Armonizzata

Il-Bażi ta' Data Armonizzata fiha aktar minn 70 000 terminu li minnhom l-utenti tagħna jistgħu jagħżlu l- prodotti u s-servizzi li għalihom ifittxu protezzjoni fl-applikazzjonijiet għat-trade marks tagħhom. Din il-bażi ta' data tintuża fil-formoli għall-applikazzjoni għal trademark online tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), il- Formola f'ħames passi u l-Formola Avvanzata, u hija magħmula minn termini li diġà ġew aċċettati mill-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali nazzjonali kollha fl-Unjoni Ewropea (UE).
Kull meta tagħżel terminu ta' prodott jew servizz mill-Bażi ta' Data Armonizzata, dan se jkun aċċettat meta l-applikazzjoni tiegħek tiġi eżaminata mill-persunal tagħna. Dan ifisser ukoll li t-terminu diġà huwa tradott fil-lingwi l-oħra kollha tal-UE (minbarra l-Irlandiż). Għaldaqstant l-applikazzjoni tiegħek sejra tiġi pproċessata b'aktar faċilità peress li ma hemmx bżonn li l-EUIPO jittraduċi t-termini fl-għażla tal-prodotti u servizzi tiegħek.
Inti tista' taċċessa l-Bażi ta' Data Armonizzata permezz ta' erba' modi differenti
- Fil-Formola f'ħames passi inti se tkun tista' tibbrawżja jew tfittex fil-bażi ta' data fil-pass 2 tal-applikazzjoni tiegħek, taħt it-taqsima Prodotti u Servizzi.
- Fil-Formola avvanzata inti teħtieġ biss li tikklikkja fuq 'Fittex' fit-taqsima 'Prodotti u Servizzi'.

- Jekk tixtieq tħejji l-għażla ta' prodotti u servizzi tiegħek minn qabel, tista' tuża wkoll l- Elenkatur ta' Oġġetti u Servizzi tagħna. Din l-għodda fiha t-termini tal-Bażi ta' Data Armonizzata u tippermettilek li tissevja l-lista tiegħek għal applikazzjonijiet futuri.

- Inti tista' wkoll taċċessa l-Bażi ta' Data Armonizzata permezz ta' TMclass Din hija bażi ta' data internazzjonali li tinkludi t-termini tal-Bażi ta' Data Armonizzata, kif ukoll termini aċċettati f'pajjiżi oħra fid-dinja kollha u minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali Il-verifika ta' din il-bażi ta' data tista' tkun utli meta inti tkun qed tħejji l-applikazzjoni tiegħek; din tippermettilek li takkwista dehra ġenerali malajr ta' trade marks simili li jeżistu fis-suq li tixtieq topera fih.
Il-mod korrett kif tikklassifika l-Prodotti u s-Servizzi tiegħek
Il-benefiċċji tal-Bażi ta’ Data Armonizzata spjegati
L-applikanti għal trademarks għandhom ukoll ħafna x’jiggwadanjaw mill-użu tal-HDB. Dawn huma xi wħud mir-raġunijiet l-aktar konvinċenti biex isir dan:
- Aċċettazzjoni garantita ta’ termini
Esperti tal-klassifikazzjoni minn kull uffiċċju tal-Istati Membri tal-UE vverifikaw kull terminu fl-HDB. Dan ifisser li jekk inti tuża terminu tal-HDB, ma hemm l-ebda riskju ta’ oġġezzjonijiet ta’ klassifikazzjoni għat-trademark tal-Unjoni Ewropea (EUTM) tiegħek jew applikazzjoni għal trademark nazzjonali tal-UE.
- Termini tas-suq
L-HDB ġiet mimlija bil-listi ta’ prodotti u servizzi ppreżentati f’applikazzjonijiet reali, jiġifieri li l-bażi ta’ data hija konformi mar-realtajiet tas-suq. Minbarra li t-termini l-ġodda jirriflettu l-aħħar xejriet tan-negozju, din tiġi kontinwament riveduta biex tinkludi l-aħħar aġġornamenti tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza. L-utenti jistgħu jikkuntattjaw lill-EUIPO jew lill-uffiċċji nazzjonali jew reġjonali biex jissuġġerixxu termini ġodda sabiex jiżdiedu mal-bażi ta’ data jew termini li jixtiequ li jitneħħew.
- Tiffranka ħin u riżorsi
It-termini kollha tal-HDB huma approvati minn qabel, li jfisser li dawn jiġu awtomatikament aċċettati minn kull uffiċċju tal-IP nazzjonali u reġjonali tal-UE, kif ukoll mill-EUIPO. L-utenti jistgħu jevitaw id-dewmien u jiffrankaw il-flus fuq traduzzjonijiet meta jkunu jridu jespandu l-protezzjoni tagħhom ġeografikament, peress li l-listi ta’ prodotti u servizzi jiġu tradotti awtomatikament fl-HDB. L-utenti li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet, pereżempju jħallsu minn qabel, jista’ jkollhom l-applikazzjonijiet tagħhom ippubblikati b’mod aktar mgħaġġel bis-servizz Fast Track għal trademarks tagħna meta jużaw termini mill-HDB.
- Sigurtà u prevedibbiltà ikbar
L-istruttura tat-tassonomija użata mill-HDB tippermetti lill-utenti jifhmu bis-sħiħ il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni offruta mit-termini ġenerali. It-tassonomija hija bbażata fuq is-sistema tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza u hija mfassla biex tkun sempliċi u aċċessibbli, fejn tippermetti lill-utenti mingħajr ebda għarfien minn qabel tas-sistemi ta’ klassifikazzjoni biex jużaw l-istruttura ġerarkika ħalli jsibu l-prodotti u s-servizzi li jeħtieġu. It-termini ġenerali jidhru fuq nett, b’termini iktar iddettaljati (koperti b’deskrizzjoni ġenerali) taħthom. L-utenti huma assigurati bl-istess kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni meta jużaw traduzzjonijiet tal-HDB biex jespandu ġeografikament.
- Tikkumplimenta l-gwida ta’ qabel l-awtorizzazzjoni
L-utenti, li jridu jivverifikaw jekk jistax ikun hemm kunflitti possibbli bi trademarks preċedenti, jistgħu jagħżlu li jużaw l-Għodda ta’ similarità tal-prodotti u s-servizzi, li tippermetti lill-Uffiċċji tal-IP parteċipanti jagħtu l-fehma tagħhom dwar il-grad ta’ similarità bejn prodotti u/jew servizzi. Peress li l-Għodda ta’ similarità tuża biss termini mill-HDB, l-utenti jistgħu jiksbu informazzjoni iktar preċiża dwar kunflitti possibbli qabel ma jikkommettu għat-tnedija ta’ prodott jew servizz.
Nista' nissuġġerixxi termini ġodda għall-Bażi ta' Data Armonizzata?
Il-Bażi ta' Data Armonizzata hija sett dinamiku ta' termini li jiġi aġġornat b'mod miftuħ u trasparenti mill-uffiċċji parteċipanti kollha. Jekk inti ma ssibx il-prodotti jew is-servizzi li qed tfittex, tista' tissuġġerixxi oħrajn ġodda bl-użu tal-formola ta' kuntatt tagħna.