Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Immaniġġa

It-trademarks tal-Unjoni Ewropea (EUTMs) jistgħu jinbiegħu, jingħataw liċenzja, jiġu modifikati u jistgħu jiġġeddu. Bidliet fit-trademarks irreġistrati huma ppubblikati fil-bullettin tat-Trademarks tal-Unjoni Ewropea.

 

Kif iżżomm ruħek protett/a

Reġistrazzjoni taʼ EUTM iddum 10 snin iżda tistaʼ tiġġedded bʼmod indefinit. Kull 10 snin ser tiġi ffaċċjat/a bil-mistoqsija: nixtieq inġedded it-trademark tiegħi? It-tweġiba tiddependi mill-istrateġija tal-marka tiegħek.

Trid tkompli tkun protett/a?

Ġedded 

Għandek it-tliet opzjonijiet li ġejjin.

  1. Ġedded. Tiġdid online jiswa EUR 850 għal klassi waħda, EUR 50 għat-tieni klassi u għat-tielet u aktar jiswa EUR 150). Jekk trid tkompli tkun protett/a fl-UE kollha, ġedded online.


  2. Ikkonverti. Jekk trid iżżomm it-trademark tiegħek f'ċerti Stati Membri biss, tista' tagħmel dan billi tikkonverti t-trademark tal-UE tiegħek f'reġistrazzjonijiet nazzjonali. IP bridge (Pont IP)


  3. Abbanduna. Jekk tiddeċiedi li ma ġġeddidx it-trademark tiegħek fl-UE, id-drittijiet assoċjati magħha jiskadu.

 

Meta għandek iġġedded

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tiżgura li tosserva l-limitu taʼ żmien għat-tiġdid. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) ġeneralment jinforma lilek jew lir-rappreżentant tiegħek sitt xhur qabel l-iskadenza li t-trademark tiegħek waslet għal tiġdid. Kwalunkwe persuna oħra li għandha dritt għat-trademark tal-UE tiegħek, pereżempju, detentur tal-liċenzja, tiġi informata wkoll mill-Uffiċċju.

It-tiġdid jenħtieġ li jsir u t-tariffa taʼ tiġdid għandha titħallas fi żmien sitt xhur qabel id-data taʼ skadenza tal-marka tiegħek. Il-formola tista’ tiġi sottomessa eżatt qabel l-iskadenza tar-reġistrazzjoni.

Jekk inti nqast milli tosserva l-limitu taʼ żmien iżda xorta waħda tixtieq iġġedded il-marka tiegħek, tistaʼ xorta tagħmel dan sa sitt xhur wara d-data taʼ skadenza, iżda hemm imposta taʼ 25%.

Kull perjodu mill-ewwel lista jibda u jispiċċa bʼpass ippreżentat fil-lista li jkun imiss.

  • Perjodu taʼ reġistrazzjoni
  • Tiġdid online
    Tariffa regolari
  • Tiġdid online tardiv
    Tariffa supplimentari
    (imposta taʼ 25%)
  • 10/06/2007

    Data tal-preżentata
  • 11/12/2016

    Jibda l-perjodu taʼ tiġdid
  • 10/06/2017

    L-aħħar ġurnata għal tiġdid bʼtariffa regolari
  • 10/12/2017

    L-aħħar possibbiltà għal tiġdid

Kif isir tiġdid

L-EUIPO jirrakkomanda tiġdid online bħala l-metodu l-aktar mgħaġġel, l-irħas u l-aktar faċli. Hemm formola stampata li tistaʼ tintbagħat bil-posta jew bil-kurrier. It-tariffa għal tiġdid bil-formola bil-miktub hija EUR 1 000 għal kuntrarju taʼ EUR 850 għal tiġdid online. Tinsiex li ma tistax tbiddel it-trademark tiegħek meta tkun qed iġġeddidha. Tistaʼ tnaqqas il-lista taʼ prodotti u servizzi li applikajt għalihom 10 snin ilu iżda ma tistax iżżid prodotti jew servizzi.

Infurmana jekk id-dettalji tiegħek jinbidlu

pereżempju, ismek jew dak tal-kumpanija tiegħek, l-indirizz jew id-dettalji tal-kuntatt.

Agħmel it-tibdil fid-dettalji personali tiegħek

User Area 

Għaliex?

Jekk inti ma ħtartx rappreżentant, inkunu rridu nikkuntattjawk direttament. Għalhekk huwa kruċjali li tinfurmana dwar kwalunkwe bidla fid-dettalji personali tiegħek. Anke jekk ħtart rappreżentant, huwa fl-interess tiegħek li żżomm id-dettalji dwar in-negozju tiegħek aġġornati. Aħna, jew parti terza, jista' jkollna bżonn nikkuntattjawk.

 

Meta?

Ma hemm l-ebda limitu ta' żmien uffiċjali. Aktar ma tinformana malajr dwar kwalunkwe bidla aktar aħjar.

 

Kif?

Jekk għandek rappreżentant, informah u huwa jieħu ħsieb il-kumplament. Tistaʼ anke tagħmel dan faċilment inti stess permezz tal-User Area online tiegħek. Kemm taċċessa l-User Area tiegħek u tuża l-menu tal-opzjonijiet biex tagħmel il-bidliet xierqa fid-dettalji personali tiegħek.

Il-bidliet fid-dettalji personali ma għandhomx jaffettwaw l-identità tal-applikant/tas-sid. Bidla fl-identità tal-applikant tissejjaħ trasferiment.

Persuni ġuridiċi jista' jkollhom biss indirizz uffiċjali wieħed. Fʼkaż taʼ dubju, l-EUIPO jistaʼ jitlob evidenza tal-forma ġuridika jew l-indirizz.

Meta tindika n-numru tal-ID tiegħek, ma għandekx għalfejn tiddikjara d-drittijiet kollha li jappartjenu lilek. Il-bidla tapplika b'mod awtomatiku għalihom kollha.

Nista’ nbigħ jew nikri t-trademark tal-UE tiegħi?

It-trademark tiegħek hija ass. Is-sjieda tistaʼ tingħata bʼliċenzja jew tistaʼ tinbiegħ. Id-differenza ewlenija bejn dawn l-opzjonijiet hija li meta inti tittrasferixxi t-trademark tal-UE tiegħek inti tittrasferixxi s-sjieda lil parti oħra b'mod permanenti, filwaqt li meta tagħtiha bʼliċenzja inti żżomm is-sjieda. Hija simili bħall-bejgħ jew il-kiri tad-dar tiegħek. Malli jkun intlaħaq qbil, inti jenħtieġ li tinfurmana bid-dettalji.

Ippreżenta reġistrazzjoni malajr u faċilment online

Applika 

Għoti taʼ liċenzja u trasferiment tas-sjieda — dettalji
Id-deċiżjoni dwar jekk tagħtix liċenzja jew tittrasferixxix it-trademark tal-UE tiegħek tinsab fʼidejk. Kulma rridu nkunu ċerti minnu huwa li nkunu rreġistrajna l-eżitu bʼmod korrett. Dawn huma xi kwistjonijiet li għandek tikkunsidra:

Tirreġistra l-liċenzja jew tittrasferixxi?

 
  Trasferiment Tagħti liċenzja
Tariffa Ma hemmx tariffa amministrattiva. Tariffa amministrattiva - EUR 200 għal kull trademark
Tariffa massima taʼ EUR 1 000 (diment li l-partijiet ikunu l-istess fil-liċenzji kollha).
Kamp taʼ Applikazzjoni Ġeografiku Id-dritt tiegħek sejjer jiġi ttrasferit għall-UE kollha. Id-drittijiet jistgħu jingħataw liċenzja għal pajjiżi speċifiċi fl-UE.
Żmien Id-dritt tiegħek sejjer jiġi ttrasferit mingħajr ebda limitu taʼ żmien. Tistaʼ tagħti liċenzja tad-dritt tiegħek għal perjodu speċifiku.
Prodotti u servizzi Tistaʼ tittrasferixxi parti biss mil-lista taʼ prodotti u servizzi tiegħek. Tistaʼ tagħti liċenzja għal parti biss tal-lista taʼ prodotti u servizzi tiegħek.
 

Meta?

Malli jintlaħaq qbil bejnek u l-parti l-oħra, informana.

 

Kif?

Kulma għandek tagħmel huwa li titlob li jiġi rreġistrat/a trasferiment jew liċenzja fir-reġistru: din it-talba ssir referenza għaliha bħala reġistrazzjoni. Tista’ tippreżenta reġistrazzjoni malajr u faċilment online jew bil-posta jew bil-kurrier.

Jekk ħtart rappreżentant professjonali uniku għaż-żewġ partijiet (u dan tal-aħħar huwa rappreżentant tas-sid attwali), dan ir-rappreżentant jistaʼ jagħmel it-talba fʼismek. F'każijiet bħal dawn, ma għandekx għalfejn tippreżenta kopja tal-att taʼ trasferiment jew taʼ liċenzja.

Għaliex għandek tirrieżamina l-kamp taʼ applikazzjoni tiegħek wara r-reġistrazzjoni

Jistaʼ jagħti l-każ li tkun tixtieq tirrieżamina l-kamp taʼ applikazzjoni taʼ protezzjoni tat-trademark tal-UE tiegħek, jew għal raġunijiet taʼ strateġija jew minħabba fatturi esterni, pereżempju jekk kompetitur jhedded li jattakka d-dritt tiegħek sakemm ma tnaqqasx il-kamp taʼ applikazzjoni tat-trademark tiegħek. Ftakar, inti tistaʼ biss tirrestrinġi l-kamp taʼ applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tiegħek. Ma tistax iżżidu. Meta tirrestrinġi l-kamp taʼ applikazzjoni tat-trademark tal-UE tiegħek ladarba din tkun irreġistrata, dan jissejjaħ ċediment parzjali.

Itlob ċediment totali jew parzjali

Applika 

 

Meta għandek tirrieżamina l-kamp taʼ applikazzjoni tiegħek wara r-reġistrazzjoni

Minnufih. Sempliċement informana. Iżda jekk jogħġbok ftakar li sussegwentement mhux ser titħalla terġaʼ lura għal-lista oriġinali tiegħek.

 

Kif għandek tirrieżamina l-kamp taʼ applikazzjoni tiegħek wara r-reġistrazzjoni

Il-mod l-aktar faċli huwa li tuża l-formola taʼ ċediment parzjali online. It-talba tiegħek tistaʼ tiġi ffirmata minnek jew mir-rappreżentant tiegħek u jenħtieġ li tkun fʼtermini ċari u mhux ambigwi. Jekk jogħġbok innota li l-ebda ċertifikat taʼ reġistrazzjoni ġdid ma jinħareġ wara li tkun naqqast il-kamp taʼ applikazzjoni taʼ protezzjoni. Ċertifikat ġdid jinħareġ biss meta l-EUIPO ikun irid jagħmel korrezzjoni fil-kont proprju tiegħu. Jekk tixtieq tikseb dokument ġdid - kemm jekk iċċertifikat kif ukoll jekk le - inti tista' titlob wieħed permezz tal-formola online tal-'ispezzjoni tal-preżentata'.

Xʼtistaʼ tagħmel aktar bid-dritt tiegħek?

Hemm ukoll affarijiet oħrajn, inqas komuni, li tistaʼ tagħmel bid-dritt tiegħek. Tistaʼ ssib aktar informazzjoni fil-User Area tiegħek, iżda l-affarijiet bażiċi huma mogħtija fil-qosor hawnhekk.

Ippreżenta talbiet online oħrajn

Applika 

  • Konverżjoni: Din hija l-pont bejn it-trademarks tal-UE u l-marki nazzjonali. Jekk l-applikazzjoni tiegħek tiġi miċħuda jew it-trademark tal-UE tiegħek ma tibqax teżisti, jew għaliex tkun abbandunajtha jew inkella għaliex tkun ġiet miċħuda jew ikkanċellata, inti tistaʼ tinkonvertiha fʼapplikazzjoni nazzjonali waħda jew aktar. Trademarks nazzjonali kkonvertiti jżommu d-data tal-preżentata tat-trademark tal-UE tagħhom. IP bridge

     


  • Diviżjoni: Din tippermittilek tiddividi t-trademark tal-UE tiegħek fʼżewġ marki jew aktar.

     


  • Drittijiet in rem: Din tippermettilek tuża t-trademark tiegħek bħala garanzija.


  • Preċedenza: Din tippermettilek tagħmel pretensjoni taʼ anzjanità taʼ trademark nazzjonali preċedenti (jew reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti bʼeffett fi Stat Membru). Fʼdan il-każ, l-applikazzjoni għal trademark tal-UE tirrappreżenta konsolidazzjoni ta’ reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti. Jekk titlob preċedenza minn marka nazzjonali waħda jew aktar irreġistrata/irreġistrati preċedentement u l-pretensjoni taʼ anzjanità tiġi aċċettata, tistaʼ tiddeċiedi li ma ġġeddidx ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti. Jekk tabbanduna jew tippermetti li l-marka nazzjonali tiegħek irreġistrata preċedentement tiskadi, inti xorta waħda tkun għadek fl-istess pożizzjoni bħallikieku t-trademark preċedenti baqgħet tiġi rreġistrata. Pretensjoni taʼ anzjanità tistaʼ ssir fi żmien xahrejn mid-data tal-preżentata tal-EUTM jew wara r-reġistrazzjoni tagħha.

     

This site uses cookies to offer you a better browsing experience, including for anonymized analytics. Find out more on how we use Cookies.