Xʼtistaʼ tkun trademark tal-UE
Trademark tal-UE tistaʼ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjali, bʼmod partikolari kliem (inklużi ismijiet personali), jew disinji, ittri, ċifri, kuluri, l-għamla taʼ prodotti jew l-imballaġġ tal-prodotti, jew ħsejjes.
Fl-1 taʼ Ottubru 2017, bʼriżultat tar-Regolament Emendatorju (UE) 2015/2424, dak li kien imsejjaħ ir-“rekwiżit taʼ rappreżentazzjoni grafika” tneħħa.
Fil-prattika, dan ifisser li sakemm it-trademark tiegħek taqaʼ taħt waħda mill-kategoriji taʼ trademarks aċċettati mill-Uffiċċju, u tistaʼ tkun rappreżentata bil-formati aċċettati, inti tistaʼ tippreżentaha bħala applikazzjoni mingħajr ma jkollok bżonn tirrappreżentaha bʼmod grafiku.
Xʼtip taʼ trademark tixtieq tipproteġi?
Skont dak li tixtieq tipproteġi (kelma, figura, kulur, eċċ.) għandek opzjonijiet taʼ trademarks differenti. Ara l-għażliet tiegħek.
Is-sinjali li jifformaw trademark iridu jkunu kapaċi jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi taʼ impriża waħda minn dawk taʼ impriża oħra.
Sabiex tkun eliġibbli għar-reġistrazzjoni, it-trademark tiegħek trid tkun distintiva u ma għandhiex tiddeskrivi dak li tbigħ.
It-trademark tiegħek jenħtieġ li tkun distintiva
Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikonoxxu s-sinjal tiegħek għal dak li hu, pereżempju bħala indikazzjoni tal-oriġini. Jenħtieġ li jiddistingwik minn kumpaniji oħra fis-suq sabiex tkun tistaʼ tipproteġi u tibni l-identità u l-valur tal-marka tiegħek.
It-trademark tiegħek ma jenħtieġx li tiddeskrivi dak li tbigħ
It-trademark tiegħek ma jenħieġx li timmonopolizza sinjal li sempliċement jiddeskrivi l-prodotti u/jew is-servizzi li inti toffri. Sinjali bħal dawn jenħieġ li jibqgħu disponibbli għal kulħadd: għalik u għal kompetituri tiegħek.
Għadek ma fhimtx? L-eżempju li ġej jenħtieġ li jneħħi kwalunkwe dubju li għad fadal
Mhux distintiva
Konsumatur mhux ser jara dan il-flixkun, kif ippreżentat hawnhekk, bħala sinjal distintiv li kapaċi jiddistingwi kumpanija waħda minn oħra. Dan is-sinjal jenħtieġ li jibqaʼ disponibbli għall-kumpaniji kollha.
Inbid
Deskrittiva wisq
Fʼdan il-każ, il-konsumaturi mhux sejrin jaraw il-flixkun bħala distintiv, u l-kelma 'inbid' sempliċement tiddeskrivi l-kontenut tal-flixkun. Huma sejrin jarawha biss bħala deskrizzjoni tal-prodott.

Joe
Bloggs
Trademark li tistaʼ tiġi rreġistrata
Madankollu, fʼdan l-eżempju, għalkemm il-flixkun waħdu jista' ma jkunx distintiv, iż-żieda fuq it-tikketta taʼ isem distintiv tgħin biex il-konsumaturi jarawha bħala trademark li tindika marka waħda partikolari.
L-EUIPO sejjer jirrifjuta l-applikazzjoni għal trademark tiegħek jekk jemmen li din ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti u ċerti rekwiżiti oħrajn. Jekk tixtieq, inti tista' tivverifika raġunijiet oħrajn għaliex it-trademark tiegħek tista' tiġi rrifjutata (imsejħa wkoll raġunijiet assoluti).
Jekk għandek xi dubju, jenħtieġ li tfittex gwida professjonali. Ma nistgħux nipprovdu parir bħal dan.
X’Tipi ta’ trademarks nista’ nirreġistra?
Hemm tliet tipi ta’ trademarks li tista’ tirreġistra: marki individwali, marki taʼ ċertifikazzjoni u marki kollettivi.
Marka individwali tiddistingwi l-prodotti u s-servizzi ta’ kumpanija partikolari waħda minn dawk ta’ kumpanija oħra.
Madankollu dan ma jfissirx li trademark individwali għandha tkun proprjetà ta’ persuna waħda: trademarks individwali jistgħu jkunu proprjetà ta’ persuna waħda ġuridika jew fiżika jew aktar. Dan ifisser li hemm diversi applikanti.
It-tariffa taʼ applikazzjoni bażika għal trademark individwali tibda bi EUR 850 (mezzi elettroniċi)
Marki kollettivi jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi taʼ grupp ta’ kumpaniji jew membri ta’ assoċjazzjoni minn dawk tal-kompetituri. Marki kollettivi jistgħu jintużaw biex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti jew fis-servizzi offruti skont il-marka kollettiva. Taʼ spiss jintużaw biex jiġu identifikati l-prodotti li jikkondividu ċerta karatteristika.
Huma biss l-assoċjazzjonijiet ta’ manifatturi, produtturi, fornituri ta’ servizzi jew negozjanti, kif ukoll persuni ġuridiċi mmexxija mil-liġi pubblika, li jistgħu japplikaw għall-marki kollettivi.
It-tariffa ta’ applikazzjoni għal marka kollettiva hija taʼ EUR 1 500 (mezzi elettroniċi).
Marki taʼ ċertifikazzjoni ġew introdotti fl-EUIPO fl-1 taʼ Ottubru 2017. Dawn huma tip ġdid taʼ trademark fil-livell tal-UE, għalkemm diġà ilhom jeżistu għal ħafna snin fis-sistemi nazzjonali. Jintużaw biex jindikaw li l-prodotti jew is-servizzi jkunu konformi mar-rekwiżiti taʼ ċertifikazzjoni taʼ istituzzjoni jew organizzazzjoni li tiċċertifika; huma sinjal taʼ kwalità sorveljata.
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi istituzzjonijiet, awtoritajiet u korpi rregolati bil-liġi pubblika, tistaʼ tapplika għal marki taʼ ċertifikazzjoni tal-UE dment li tali persuna ma tmexxix negozju li jinvolvi l-forniment taʼ prodotti jew servizzi tat-tip iċċertifikat.
It-tariffa ta’ applikazzjoni għal marka taʼ ċertifikazzjoni hija taʼ EUR 1 500 (mezzi elettroniċi).
Lista sħiħa tat-tariffi taʼ trademarks